Strateġija u Politika Farmaċewtika

Din is-Sezzjoni tiffoka fuq politiki farmaċewtiċi li jirrigwardaw il-provvista ta’ mediċini fi ħdan is-servizzi nazzjonali tas-saħħa, u hija responsabbli għar-riċerka, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki farmaċewtiċi tal-Gvern. Din is-Sezzjoni hija responsabbli wkoll li tipprovdi pariri esperti dwar kwistjonijiet ta’ politika li tikkonċerna l-mediċini, u l-forniment u l-użu tagħhom, lid-Direttur għall-Affarijiet Farmaċewtiċi, lill-Uffiċjal Mediku Ewlieni u lill-Ministru tas-Saħħa.

L-għan ġenerali tal-politika farmaċewtika huwa li tippromwovi l-ekwità u s-sostenibbiltà tas-settur farmaċewtiku billi tiżgura li mediċini sikuri, effettivi u ta’ kwalità tajba jkunu aċċessibbli, affordabbli, u użati b’mod razzjonali. Konsegwentement, l-oqsma ewlenin li tiffoka fuqhom is-Sezzjoni tal-Istrateġija u l-Politika Farmaċewtika huma l-aċċess għall-mediċini, l-affordabbiltà, l-użu sikur u kosteffettiv, l-eliġibilità tal-pazjent, il-prattika tal-preskrizzjoni, l-ipprezzar u r-rimborż, l-immaniġġjar tal-formularji, il-farmakoviġilanza, l-iżvilupp tas-servizz farmaċewtiku, l-involviment tal-partijiet interessati, u s-sistemi ta’ remunerazzjoni.

Din is-Sezzjoni hija involuta f’proġetti ta’ riċerka li jipprovdu l-bażi ta’ għarfien li fuqha jistgħu jiġu diskussi u mfassla politiki speċifici. Bħalissa għaddejjin proġetti ta’ riċerka fl-oqsma tal-iskannjar tal-orizzont, it-terapija tal-ġeni u n-nuqqas ta’ mediċini.