Il-Formularju tal-Gvern

Il-Formularju tal-Gvern fih prodotti mediċinali, vitamini, supplimenti tal-ikel u sustanzi borderline. Il-prodotti mediċinali huma mniżżla jew bl-isem ġeneriku skont l-International Non-proprietary Name (INN) jew bħala klassi terapewtika.

 

Il-Formularju tal-Gvern hu maqsum f’żewġ dokumenti separati, il-Formularju tal-Isptar u l-Formularju tal-Outpatients.

 

Il-Formularju tal-Isptar huwa maħsub għall-użu mill-Isptarijiet tal-Gvern. Informazzjoni li tinstab fuq il-Formularju tinkludi l-INN/klassi terapewtika tal-mediċina, il-forma farmaċewtika u l-qawwa, il-kategorija ta’ mard u l-kodiċi ATC. Il-Formularju fih ukoll aktar tagħrif bħal min jista’ jippreskrivi l-mediċina u għal liema dipartiment qed tinxtara. Xi mediċini għandhom ukoll protokoll ta’ intitolament sabiex l-użu tagħhom ikunu aktar ristrett. Il-lista ta’ protokolli ta’ intitolament qegħda hawn.

 
Il-Formularju tal-Outpatients huwa maħsub għall-użu mill-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC) u spiżeriji tal-gvern. Il-Formularju jinkludi l-INN/klassi terapewtika tal-mediċina, il-forma farmaċewtika u l-qawwa, il-kategorija ta’ mard u l-kodiċi ATC, il-kriterji ta’ min jista’ jippreskrivi u informazzjoni dwar l-intitolament tal-Karta r-Roża, jiġifieri l-intitolament għal mediċina partikolari għal dawk il-pazjenti fil-pussess ta’ dokument tat-Tieni Skeda (magħrufa wkoll bħala Pink Card). Barra minn hekk, il-mediċini mniżżla fil-formularju tal-Outpatients huma mmapjati mal-kundizzjonijiet kroniċi mniżżla fil-Ħames Skeda tal-Att dwar is-Servizzi Soċjali. Bħall-Formularju tal-Isptar, ċerti mediċini huma wkoll ristretti bi protokoll ta’ intitolament.