FAQs

Il-Formularju tal-Gvern hu lista kontinwament aġġornata ta’ mediċini u xi prodotti borderline approvati għall-użu fis-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa.

Il-Formularju tal-Isptar fih il-mediċini u l-prodotti borderline kollha disponibbli fis-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa għall-użu mill-isptarijiet tal-Gvern, u jinkludi informazzjoni dwar min jista’ jippreskrivi l-mediċina, u liema swali jew dipartimenti fi sptar jew klinika huma awtorizzati jużaw il-mediċina.

Dan il-formularju jelenka l-mediċini disponibbli fis-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa għall-użu barra mill-isptar. Il-mediċini mniżżla fih jistgħu jingħataw lil pazjenti li għandhom il-Karta s-Safra jew il-Karta r-Roża skont il-kriterji definiti fil-Formularju.

Il-proċess ta’ manutenzjoni tal-formularju jiddependi fuq żewġ komponenti ewlenin:
(a) żidiet u tneħħijja ta’ mediċini, u
(b) reviżjonijiet perjodiċi.
Żidiet – Is-Sezzjoni tal-Valutazzjoni tat-Teknoloġiji tas-Saħħa (HTA Unit) jieħu ħsieb il-proċess ta’ introduzzjoni ta’ trattamenti ġodda fil-formularju. Il-formularju mbagħad jiġi aġġornat meta l-istokk tal-mediċina l-ġdida jinxtara u jkun disponibbli biex jingħata lil pazjenti.
Tneħħija – Mediċini li m’għadhomx jintużaw jew li m’għandhomx biżżejjed evidenza ta’ effikaċja, sigurtà u kwalità jiġu rrakkomandati għat-tneħħija. Xi drabi, mediċini li ma jibqgħux kosteffettivi jiġu evalwati u mneħħija meta tiġi identifikata alternattiva aċċettabbli. Il-formularju jiġi aġġornat meta l-istokk kollu tal-mediċina mneħħija jispiċċa. Sadanittant, il-mediċina tiġi mmarkata bħala mħassra uffiċjalment u disponibbli sakemm jifdal l-istokk.
Reviżjonijiet perjodiċi – Dawn jinvolvu l-evalwazzjoni ta’ grupp ta’ mediċini. Talbiet għal reviżjoni ta’ kriterji ta’ eliġibbiltà, kriterji ta’ preskrizzjoni, eċċ. jistgħu wkoll jiġu sottomessi minn professjonisti tal-kura tas-saħħa u evalwati mis-Sezzjoni tal-Immaniġġjar tal-Formularju (FM Unit). Il-formularju mbagħad jiġi aġġornat bejn wieħed u ieħor kull 3 xhur.

Kemm il-Formularju tal-Outpatients u kif ukoll il-Formularju tal-Isptar tista’ tarahom hawn.

L-aħħar Lista ta’ Bidliet tista’ taraha hawn.

It-Tieni Skeda u l-Ħames Skeda tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali jistabbilixxu min jista’ jieħu trattament  imniżżel fil-Formularju tal-Outpatients b’xejn. Il-pazjenti huma intitolati għal trattament b’xejn jekk, jew:

  1. ibatu minn xi waħda mill-kundizzjonijiet kroniċi mniżżla fil-Ħames Skeda tal-Att imsemmi hawn fuq u għandhom il-Karta s-Safra għal dik il-kundizzjoni. Il-pazjenti huma intitolati biss għat-trattament imniżżel għal dik il-kundizzjoni skont il-formularju tal-Outpatients, JEW
  2.  għandhom il-Karta r-Roża u t-trattament meħtieġ huwa mmarkat li jista’ jingħata fuq Karta Roża.

Għal skopijiet ta’ intitolament, protokolli tal-mediċina jiddeskrivu l-użu ristrett ta’ ċerti prodotti mediċinali fis-Servizzi Nazzjonali tas-Saħħa. Il-protokolli tista’ tarahom hawn.

Mediċini ġodda jiżdiedu mal-formularju ladarba jiġi kkonfermat li l-istokk inxtara u huwa disponibbli.

L-Uffiċjal Mediku Ewlieni joħroġ ċirkulari biex jinforma li mediċina ġdida (jew indikazzjoni ġdida) issa hija disponibbli għall-użu. Din tittella’ fuq il-websajt tagħna taħt “Ċirkulari u Memos”. It-trattament il-ġdid/indikazzjoni ġdida tiġi miżjuda f’ħin reali fuq il-formularji onlajn u fil-Lista ta’ Bidliet kif tinħareġ iċ-ċirkulari.

Tista’ ssir tfittxija skont l-ingredjent attiv fil-formularji disponibbli hawn.

L-immappjar huwa l-proċess li bih l-affarjiet kollha fuq il-Formularju tal-Outpatients huma marbuta ma’ kundizzjoni waħda jew iktar imniżżla fil-Ħames Skeda tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali li għalihom jista’ jingħata trattament b’xejn.

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-akkwist jistgħu jiġu definiti bħala deskrizzjoni tal-karatteristiċi tekniċi meħtieġa tal-prodott inkluż f’dokument tal-akkwist li fornitur irid jipprovdi.

Talbiet għal emendi tal-ispeċifikazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi minn professjonisti tal-kura tas-saħħa. Is-Sezzjoni tal-Immaniġġjar tal-Formularju (FM Unit)twettaq ukoll eżerċizzji ta’ reviżjoni biex tiżgura li l-ispeċifikazzjonijiet jippermettu kompetizzjoni ġusta filwaqt li tidentifika l-ħtiġijiet tal-utenti biex jipprovdu mediċini ta’ kwalità tajba sikuri u effettivi. L-FMU twettaq ir-riċerka xierqa u tikkonsulta mal-partijiet interessati rilevanti kif meħtieġ.